top of page

RIFLESSJONI: L-GĦAŻLA TA' PAPA LJUN XIV.

Writer: Eman Farrugia
Eman Farrugia
May 9, 2025
1 min read

Papa Ljun XIV.


Għażel dan l-isem b'omaġġ u ġieħ lill-Papa Ljun XIII, li kien il-Papa li beda riformi soċjali kbar fi ħdan il-Knisja Kattolika permezz tal-enċiklika "Rerum Novarum" fl-1891; enċiklika b'qalb soċjali li tħaddan prinċipji xellugin bħall-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema waqt li tirrispetta valuri diġà stabbiliti tal-Knisja rigward il-familja u l-proprjetà.


Enċiklika li mliet il-vojt morali li ħalliet il-Knisja għal ħafna sekli billi fihom baqgħet statika u inattiva quddiem bidliet kbar bħall-waqa' tal-fewdaliżmu, il-qawmien tal-kapitaliżmu u l-firxa ta' twemmin sekulari bħall-Marxismu. Papa Ljun XIII; bħala forza ta bidla; għaraf li jekk il-Knisja Kattolika riedet tressaq lejha lill-ħaddiema, lill-fqar u lill-emarġinati bl-għan li ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għand ideoloġiji sekulari bil-ħsieb li jsibu faraġ u kenn, kien sta għall-Knisja stess li ma tibqax passiva u tieħu azzjoni billi tkun vuċi li tikkritika l-forzi tal-poter li jgħakksu lill-ħaddiema, lill-fqar u lill-emarġinati.


Enċiklika li ħejjiet it-triq għal tagħlim u filosofija iktar soċjali fi ħdan il-Knisja Kattolika, u li kkritikat b'mod aħrax lill-kapitaliżmu estrem li huwa bbażat fuq il-faqar u l-isfruttament tal-ħaddiema, u ddefendiet it-trejdunjoniżmu, il-kooperattivi tal-ħaddiema u sistema ekonomika ġusta li tqassam il-ġid b'mod ekwu - dan kollu għadu attwali sal-ġurnata tal-lum.


Fiduċjużi li l-Papa Ljun XIV se jkompli fuq l-ispirtu ta' Papa Ljun XIII bħala Papa li se jiggwida lill-Knisja għaż-żminijiet attwali, u li se jgħaqqad l-esperjenza tiegħu bħala missjunarju mal-fqar fl-Amerika Latina mat-tagħlim soċjali ta' Papa Ljun XIII sabiex ikun ragħaj ta' Knisja li turi ħniena mal-immigranti, il-fqar, il-ħaddiema, l-oppressati u l-emarġinati - kif kien ukoll il-predeċessur tiegħu l-Papa Franġisku.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page