top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

NIBQGĦU NURU SOLIDARJETA' MAL-POPLU PALESTINJAN.

Updated: Jan 4


Dimostrazzjoni favur il-poplu Palestinjan organizzata mill-'Youth For Palestine' u minn Moviment Graffiti. Jidhru fir-ritratt l-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, is-sur Fadi Hanania, l-President Emeritus l-Eċċellenza Marie Louise Coleiro Preca u Eman Farrugia, l-amministratur ta' ħelsien.com.


STQARRIJA B'SOLIDARJETA' MAL-POPLU PALESTINJAN.


Insellmilkom. Ix-xeni li qegħdin naraw quddiemna preżentament ġewwa l-medda ta' Gaża huma xeni ta' qsim il-qalb, qegħdin naraw quddiem għejnejna jseħħ ġenoċidju mingħajr ħniena fuq il-poplu Palestinjan illi bl-ebda mod ma hija ġustifikabbli. Għalhekk, fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, jiena bħala attivist ingħaqadt ma' għadd ta' attivisti oħrajn lokali sabiex nuru solidarjetà mal-poplu Palestinjan mhux biss minħabba l-brutalitajiet minħabba Gaża iżda anke minħabba l-okkupazzjoni illegali li ilha sseħħ fl-artijiet Palestinjani għal dawn l-aħħar 75 sena, illi baqgħet iċċaħħad lil dan il-poplu milli jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu kif għandu d-dritt illi jagħmel. Għaliex il-poplu Palestinjan mhuwiex xi poplu tat-tieni klassi; iżda dan huwa poplu tal-ewwel klassi bħal kull poplu ieħor, u għaldaqstant huwa l-obbligu tagħna bħala bnedmin li nassiguraw li d-drittijiet l-iżjed fundamentali għal dan il-poplu mhumiex mhedda u mittiefsa. Ma nistgħux nagħmlu wisq, pero' l-ftit illi nistgħu nagħmlu mill-abbilita' tagħna wkoll jista' jħalli impatt pożittiv. Ma nistgħux nagħtu faraġ lill-ġenituri li tilfu lil uliedhom taħt it-tiġrif, ma nistgħux nagħmlu wisq sabiex insabbru lill-ulied li tilfu lill-ġenituri tagħhom, u li raw quddiemhom it-triqat fejn għaddew ta' kuljum isiru ċimiterji fil-beraħ. Iżda bl-isforzi tagħna, nistgħu nitfgħu pressjoni fuq il-mexxejja tagħna sabiex ma jkunux passivi quddiem it-tbatija tal-poplu Palestinjan ġewwa Gaża, u sabiex ma jkunux siekta quddiem l-okkupazzjoni illegali li għadha qiegħda tippersisti mill-Iżrael. Nuri l-apprezzament tiegħi lill-Gvern Malti li addotta pożizzjoni b'saħħitha li hija waħda li tiddeplora l-azzjonijiet tal-Iżrael illi qegħdin jikkaġunaw t-tbatijiet li qiegħef isofri minnhom il-poplu Palestinjan, pożizzjoni li ssejjaħ għall-waqfien tal-ġlied sabiex issaltan il-paċi, sabiex sa fl-aħħar tinstab soluzzjoni li tagħti lill-poplu Palestinjan dak illi kien ittieħed minnu b'mod inġust; id-dritt illi jgħixu ta' poplu ħieles ġewwa arthom fis-sliem. Inħeġġeġ lill-attivisti bħali sabiex nibqgħu nagħmlu lill-poplu Malti konxju ta' dak illi qiegħed iseħħ ġewwa Gaża u l-kumplament tal-Palestina, sabiex inħeġġu iżjed solidarjeta' mal-poplu Palestinjan. Nirringrazzja lill-għaqda 'Youth for Palestine', lill-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, is-sur Fadi Hanania u lill-sħabi Maltin u Palestinjani tal-apprezzament tagħhom għall-impenn tiegħi b'risq din il-kawża li hija tant għal qalbi. Kif nista' jiena; illi ġej minn pajjiż illi tant għadda minn tbatija minħabba li kien maħkum, ma nurix empatija lejn poplu li jinsab itturufnat minn kolonizzatur? Nixtieq ukoll illi nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn l-President Emeritus l-Eċċellenza Marie Louise Coleiro Preca u lil Moviment Graffiti talli wrew appoġġ konsistenti għall-kawża ġusta tal-poplu Palestinjan permezz tal-għajnuna u s-sehem tagħhom sabiex jiġu organizzati sensiela ta' dimostrazzjonijiet li saru fit-toroq Maltin matul dawn l-aħħar xahrejn b'solidarjeta' mal-poplu Palestinjan. Nagħlaq b'dawn il-kelmiet illi qaltli Yana Mintoff, bint l-eks Prim Ministru ta' Malta, Dom Mintoff, matul laqgħa li kelli magħha waqt l-attendenza tiegħi għal waħda minn dawn id-dimostrazzjonijiet illi saru; "Missieri dejjem kien jgħidli li l-Palestinjani huma l-kuġini tagħna." Dawn il-kliem se ngħożżhom f'qalbi għal dejjem.


Nitlobkom sabiex fejn huwa possibbli, tibqgħu tagħtu l-appoġġ tagħkom anke permezz ta' għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet tal-karita' li qegħdin jassistu lill-poplu ta' Gaża fil-bżonnijiet illi jeħtieġ. Bħala amministratur tal-paġna ħelsien.com, f'Settembru li għadda kont nedejt kampanja karitattiva bl-isem ta' ''Proġett Palestina. Proġett Umanitarju.'', bl-għan sabiex is-segwaċi ta' din il-paġna ikunu iżjed konxji dwar il-kawża Palestinjana u sabiex jiġu mħeġġa sabiex jagħtu d-donazzjoni tagħhom b'risq din il-kawża. Id-donazzjonijiet mogħtija jmorru direttament għand il-Middle East Children's Alliance (M.E.C.A.) illi hija organizzazzjoni umanitarja li preżentament tinsab preżenti f'Gaża sabiex tassisti lill-poplu ta' Gaża, partikolarment lit-tfal u lill-familji tagħhom. Inħeġġiġkom sabiex tgħinuni ngħin lill-ħaddieħor billi tagħtu d-donazzjoni tagħkom lil din l-organizzazzjoni.


Palestina Ħielsa!

فلسطين حرة!


Eman Farrugia,

Amministratur.


Stqarrija maħruġa llum, 18 ta' Diċembru 2023.


 

Fir-Ritratti: Malta Tingħaqad f'Solidarjeta' Mal-Poplu Palestinjan.


Ritratti: Eman Farrugia.


 

AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.



98 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page