top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

ĦIDMA B'SOLIDARJETA' MAL-POPLI OPPRESSATI FIL-MEDITERRAN.


Hekk kif qiegħda tinbena skola ġdida għar-refuġjati Saħrawi fid-deżert Alġerin; karatteristika sorprendenti hija messaġġ miżbugħ fuq il-briks, li jesprimi gratitudni lejn il-poplu Malti.


Kampanja b'risq il-bini ta' skola ġdida f'Tindouf, l-Alġerija.


Kemm hu sabiħ li tagħmel ġieħ lil isem art twelidek 'il barra minn xtutna!


Matul dawn l-aħħar ġimgħat kont impenjat fi ġbir ta' fondi b'turija ta' solidarjeta' mal-poplu Saħrawi fl-Alġerija. Minħabba l-kunflitt li għaddej fis-Saħara tal-Punent, mijiet ta' eluf ta' Saħrawi spiċċaw maqbuda bħala refuġjat ġewwa kampijiet tar-refuġjati f'Tindouf, l-Alġerija għal dawn l-aħħar ħamsin sena. Fil-ġbir ta' fondi ta' dawn l-aħħar ġimgħat inġabru iżjed minn €100 b'risq ir-refuġjati Saħrawi.


Ispirat mis-solidarjetà mal-poplu Sahrawi, matul dawn l-aħħar ġimgħat organizzajt sforz ta’ ġbir ta’ fondi fost sħabi studenti b'risq il-poplu Saħrawi. Il-flus miġbura marru direttament għal ‘Cocina por el Cambio’ (‘Tisjir għall-Bidla’), organizzazzjoni Spanjola volontarja iddedikata biex tgħin lill-poplu Saħarawi. Il-proġett tagħhom huwa skola unika tat-tisjir għat-tfal refuġjati. Mhux biss se tipprovdi edukazzjoni formali għat-tfal Saħrawi, iżda l-faċilità se sservi wkoll ikliet lill-popolazzjoni usa’ ta’ refuġjati li jgħixu fil-kampijiet. Dawn il-fondi miġbura qegħdin jiġu utilizzati sabiex parzjalment jiġi ffinanzjat il-bini ta' skola ġdida tat-tisjir fil-kamp ta' Awsard; li huwa wieħed mill-ħames kampijiet tar-refuġjati Saħrawi li jinsabu f'Tindouf, l-Alġerija.


Bħala apprezzament għall-ġbir ta' fondi, il-voluntiera li qegħdin jieħdu ħsieb il-bini ta' din l-iskola ħasbu sabiex jiktbu kitba ta' apprezzament lejn Malta u l-poplu Malti. Nirringrazzja li dawk kollha li laqgħu l-inizjattiva tiegħi; fosthom ħbieb tal-iskola u oħrajn. B'ġest żgħir ta' karità, għamilna ġieħ lil isem Malta u l-poplu tagħha iżjed minn 2000 kilometru 'l bogħod minna. Fuq kollox nittama dan il-ġest ta' solidarjeta' iservi ta' ġid għall-komunità ta' familji li tinsab f'dawn il-kampijiet tar-refuġjati.


Il-kawża tal-poplu Saħrawi hija waħda għażiża ħafna għalija, partikolarment minħabba l-fatt li dan il-poplu, minkejja li ma jingħatax attenzjoni mill-komunita' internazzjonali, għadu qiegħed jirreżisti fis-skiet lill-okkupazzjoni Marokkina fis-Saħara tal-Punent. L-Alġerija ilha santwarju għar-refuġjati Sahrawi għal dawn l-aħħar ħames deċenji. Is-Saħarawi ħarbu mill-gwerra fis-Saħara tal-Punent waqt il-kunflitt bejn il-Marokk u l-Front Polisario, bejn l-1975 u l-1991. Il-Front Polisario huwa grupp li jippromwovi l-indipendenza tas-Saħara tal-Punent, territorju b’sovranità kkontestata.


Madwar 175,000 refuġjat Sahrawi joqogħdu f’ħames kampijiet qrib Tindouf, fil-Punent tal-Alġerija. Hawnhekk, fid-deżert tal-Alġerija, ir-refuġjati Saħrawi għandhom refuġju mill-persekuzzjoni politika ħarxa li għaddejja fit-territorju okkupat mill-Marokk. Ħafna mir-refuġjati huma dixxendenti tas-Saħrawi li ġew eżiljati b'mod sforzat waqt il-Gwerra tas-Saħara tal-Punent wara l-invażjoni brutali Marokkina fl-1975. Madanakollu, dawn il-kampijiet jeżistu f’ambjent ħarxa ta’ deżert, ikkaratterizzat minn temperaturi ta’ ħruq li jaqbżu l-50 grad Celsius, xita skarsa, u maltempati frekwenti tar-ramel. Dawn il-kundizzjonijiet jirrestrinġu l-għajxien u l-opportunitajiet ekonomiċi, u jagħmlu lir-refuġjati jiddependu fuq l-għajnuna umanitarja u programmi filantropiċi. Qiegħed nappella lil dawk kollha li jixtiequ jagħtu daqqa t’id sabiex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom permezz ta’ din il-ħolqa.


 

Hekk kif l-Ambaxxata Palestinjana f'Malta tinsab impenjata sabiex jinġabu tfal Palestinjani minn Gaża għall-kura ġewwa Malta, ippreżentajt donazzjoni ta' fondi miġbura għal din il-kawża nobbli.


Għotja ta' donazzjoni lill-Ambaxxata Palestinjana f'Malta.


Kemm hu sabiħ meta bi ftit sforz tħalli impatt pożittiv favur kawżiet ġusti!


Kif ħabbart ftit xhur ilu, nhar l-Erbgħa, 20 ta' Marzu 2024, ġew organizzati għadd ta' attivitajiet ġewwa il-Ġ.F. Abela 'Junior College' b'appoġġ għall-kawża Palestinjana. Matul din il-ġurnata, illi ġiet imfakkra bħala Jum il-Palestina, l-istudenti li jattendu din l-iskola post-sekondarja kellhom l-opportunita' sabiex jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni preżenti ġewwa t-territorji Palestinjani. Permezz ta' din l-inizzjattiva, l-istudenti li attendew għal dawn id-diskussjonijiet ingħataw għarfien sabiex ikunu iżjed infurmati u konxji tal-kriżi umanitarja li għaddejja preżentament ġewwa l-Medda ta' Gaża. Matul dawn id-diskussjonijiet kelli l-opportunita' sabiex niltaqa' mal-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, l-Eċċ. Fadi Hanania, illi flimkien miegħu tkellimna dwar l-importanza li l-istudenti jkollhom iżjed għarfien dwar il-kawża Palestinjana fost iż-żgħażagħ.


Matul dawn id-diskussjonijiet, sħaqt fuq l-importanza li wieħed janalizza dan il-kunflitt mill-konċepiment tiegħu u sabiex tintwera iżjed empatija mal-Palestinjani li jinsabu taħt l-okkupazzjoni illegali Iżraeljana u anke mal-Palestinjani refuġjati mxerrda mad-dinja li ma jistgħux jirritornaw lura lejn arthom. Kelli wkoll l-opportunita' li nitkellem fuq l-attiviżmu tiegħi għall-kawża Palestinjana ġewwa Malta u dwar il-ħidma li nagħmel flimkien ma' attivisti oħrajn b'appoġġ għall-poplu Palestinjan. Minbarra li li ħadu sehem f'diskussjonijiet fejn ingħata tagħrif edukattiv dwar is-sitwazzjoni ġewwa l-Palestina, l-istudenti kellhom ukoll l-opportunita' sabiex jixtru prodotti u ikel tradizzjonali Malti u Palestinjan. Il-flus miġbura minn dan il-bejgħ ġew mogħtija bħala donazzjoni lill-Ambaxxata Palestinjana f'Malta, illi bħalissa qiegħda tagħmel ġbir ta' fondi sabiex tfal midruba ġewwa Gaża jkunu jistgħu jitwasslu ġewwa pajjiżna sabiex jieħdu t-trattament mediku u r-refuġju li jeħtieġu. Huwa obbligu li nkunu ta' sosten għal dawn iċ-ċkejknin mhedda mill-kruha tal-gwerer.


Bi pjaċir inħabbar illi permezz ta' dan il-bejgħ inġabret is-somma sabiħa ħafna ta' €1000. Nixtieq nirringrazzja lill-istudenti tal-ġenerożita' tagħhom għall-kawża Palestinjana! Nieħu l-opportunita' wkoll sabiex nirringrazzja lill-istaff u l-amministrazzjoni tal-'Junior'College' tal-għajnuna u l-appoġġ illi sibt mingħandhom mill-ewwel ġurnata li avviċinajthom bix-xewqa li kelli sabiex norganizza dawn l-attivitajiet. Nirringrazzja lill-għaqdiet 'Ħsieb Ħieles' u 'JC4Others' illi minnhom nista' ngħid li sibt il-kooperazzjoni meħtieġa sabiex setgħu jittellgħu dawn l-attivitajiet. Nirringrazzja lill-istudenti tad-dipartiment tal-arti fi ħdan il-'Junior College' illi ħadu ħsieb sabiex jaħdmu xogħlijiet tal-arti marbuta mal-kawża Palestinjana li żejnu d-daħla tal-iskola matul l-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet.


Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nirringrazzja lill-Ambaxxata Paletinaja għall-Malta li flimkien mal-istaff u l-amministrazzjoni tal-'Junior College' ikkoordinaw l-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet. Nuri l-apprezzament tiegħi lill-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, l-Eċċ. Fadi Hanania u lis-sinjura Zahwa Arafat (bint l-eks-President Palestinjan, il-mibki Yasser Arafat) tal-preżenza tagħhom fost l-istudenti tal-'Junior College'. Il-kawża tal-poplu Palestinjan hija għażiża ħafna għalija, u għalhekk ma nistax noqgħod lura milli ngħin lil dan il-poplu, partikolarment fid-dawl tal-atroċitajiet li qegħdin iseħħu ġewwa Gaża. Huwa obbligu għalija, bħala soċjalista anti-imperjalista u anti-kolonjalista, li nkun ta' solidarjeta' ma' dan il-poplu li ilu jirreżisti l-aggressjoni Iżraeljana għal dawn l-aħħar 76 sena.


Sabiex tkunu informati iżjed fid-dettal dwar kif tistgħu tipprovdu l-appoġġ u l-għajnuna tagħkom lill-poplu Palestinjan, inħeġġiġkom ukoll sabiex tagħmlu kuntatt dirett mal-paġni soċjali tal-ambaxxata Palestinjana għal Malta, Embassy of Palestine - Malta سفارة دولة فلسطين - مالطا, jew billi ċċemplu fuq dan in-numru telefoniku 2780 1200. Flimkien nistgħu nagħmlu impatt pożittiv f'dan iż-żmien tant diffiċli għall-poplu Palestinjan, illi għandu bżonn l-appoġġ u l-għajnuna tagħna iżjed minn qatt qabel.


Ninsab sodisfatt mhux biss minħabba li l-attivitajiet kienu suċċess u ħallew impatt pożittiv fost l-istudenti, iżda anke minħabba l-fatt illi kelli opportunita' oħra sabiex nuri appoġġ għall-kawża Palestinjana. Nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem u għenuni sabiex ngħin lil ħaddieħor!


 

Il-paċi fil-Mediterran ma jistax ikun garantit mingħajr il-liberazzjoni tal-popli oppressati fi ħdanu mit-tirannija tal-oppressuri.


Palestina Ħielsa!

Saħara tal-Punent Ħielsa!



169 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page