top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

IL-POŻIZZJONI TA' MALTA DWAR IS-SITWAZZJONI FL-ILVANT NOFSANI.

Updated: Feb 18


''Għaldaqstant, Malta tibqa’ lesta li tkompli tinvolvi ruħha mal-imsieħba kollha tagħna, inklużi dawk fir-reġjun, lejn dan il-għan ta’ paċi fil-Lvant Nofsani kif ukoll għal-poplu Palestinjan.'' - Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg.

Insellmilkom. Fl-aħħar sigħat illi għaddew għadni kif ġejt ikkomunikat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ fejn ingħatajt risposta formali mill-Onor. Ministru Ian Borg rigward il-pożizzjoni ta' Malta dwar is-sitwazzjoni prekarja preżenti ġewwa l-Ilvant Nofsani, l-iżjed fid-dawl tal-każ illi għaddej preżentament fil-Qorti Internazzjoni tal-Ġustizzja fejn l-Afrika t'Isfel qiegħda takkuża lill-Iżrael illi qiegħda twettaq ġenoċidju kontra l-poplu Palestinjan waqt l-invażjoni militari tiegħu fil-Medda ta' Gaża. Din ir-risposta ngħatatli wara li fil-ġimgħat illi għaddew kont għaddejt ittra lill-Prim Ministru ta' Malta fejn għamilt talba formali f'isem l-organizzazzjoni lokali 'Youth for Palestine' u l-komunita' Palestinjana f'Malta sabiex il-Gvern Malti jintervjeni u jiddikjara l-appoġġ tiegħu lill-Afrika t'Isfel fil-kawża tagħha kontra l-Iżrael, illi hija għaddejja preżentament fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Tistgħu taqraw l-kontenut tal-ittra mibgħuta billi tafgħsu hawn. Mehmuż ma' dan l-artiklu tistgħu ssibu wkoll il-kontenut tar-risposta li ntbagħtitli mill-Ministeru rigward it-talba formali li għamilt lill-Gvern Malti u kif ukoll dwar il-pożizzjoni tiegħu fid-dawl tat-traġedja umana u tal-instabbilita' li preżentament tinsab b'mod prevalenti fir-reġjun tal-Ilvant Nofsani.


Huwa ta' sodisfazzjon għalija li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ma laqgħetx it-talba tal-Iżrael illi jitwaqqgħu l-allegazzjonijiet illi tressqu fil-konfront tagħha. Dan hekk kif l-istess qorti ddikjarat illi permezz tal-evidenza mressqa mill-Afrika t'Isfel waqt is-smigħ tal-kawża f'Jannar illi għadda, jidher b'mod evidenti li l-azzjonijiet tal-Iżrael fil-Medda ta' Gaża jistgħu jammontaw għal ġenoċidju, skont il-Konvenzjoni tal-Ġenoċidju tas-sena 1948, illi tagħti obbligu lin-nazzjonijiet kollha tad-dinja sabiex jipprevjenu ġenoċidju u jintervjenu sabiex iwaqqfu ġenoċidju. Sadanittant, il-poplu Palestinjan għadu qiegħed jiġi mmassakrat mill-forzi Iżraeljani, hekk kif sa issa l-imwiet totali diġa' laħqu l-ammont ta' 27,000 persuna, filwaqt illi huwa maħsub illi iżjed minn 1,900,000 persuna kellha tiġi trasferita b'mod sforzat f'kampijiet tar-refuġjati fin-naħa t'isfel tal-Medda ta' Gaża, illi wkoll qegħdin jiġu jisfgħu attakkati mill-forzi Iżraeljan, minkejja l-fatt illi kienu l-forzi Iżraeljani stess li dderiġew lir-refuġjati Palestinjani għal dawn iż-żoni. Din tikkontradiċi s-sensiela ta' misinformazzjoni u gideb tal-gvern Iżraeljan illi jsostni li mhuwiex joqtol b'mod intenzjonat lil persuni ċivili ġewwa l-Medda ta' Gaża.


Il-kriżi umanitarja fil-Medda ta' Gaża qiegħda tibqa' tippersisti, hekk kif l-imblokk impost mill-gvern Iżraeljan fuq id-dħul ta' riżorsi ta' ikel, xorb, mediċini u elettriku għadu fis-seħħ, filwaqt illi t-tiġrif ta' infrastruttura ċivika bħal sptarijiet ukoll qiegħda tħalli impatt fuq il-qagħda tal-poplu Palestinjan, Huwa ta' diżappunt illi d-dinja tal-Punent qiegħda tkompli turi l-indifferenza tagħha lejn it-tbatija tal-poplu Palestinjan, hekk kif l-Istati Uniti u għadd ta' pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qegħdin jibdew jissospendu l-għotjiet ta' donazzjonijiet lill-organizzazzjoni U.N.R.W.A. minħabba li tressqu allegazzjonijiet mingħajr ebda bażi fil-konfront ta' din l-organizzazzjoni mill-Iżrael. Hekk kif is-sitwazzjoni qiegħda tibqa' ssir iżjed vulnerabbli, kelliema għan-Nazzjonijiet Uniti sostnew illi jekk l-għotjiet ta' donazzjonijiet jibqgħu sospiżi, il-ħidma tal-organizzazzjoni jaf ikollha tieqaf ħesrem lejn tmiem Frar. L-organizzazzjoni U.N.R.W.A. kienet twaqqfet fis-sena 1948 għall-għan speċifiku li tħares il-qagħda tal-poplu Palestinjan fit-territorji okkupati, u minn dak iż-żmien 'il hawn ipprovdiet lir-refuġjati b'riżorsi bażiċi, saħħa u edukazzjoni. Is-sospensjoni tal-operat tagħha jfisser biss illi l-qagħda tal-poplu Palestinjan tibqa' dejjem issir iżjed prekarja, u għaldaqstant huwa inaċċettabbli li l-pajjiżi tal-Punent qegħdin ikunu tant servili lejn l-Iżrael illi saħansitra huma lesti li jinnegaw lill-poplu Palestinjan milli jkollu aċċess għal riżorsi bażiċi għall-għajxien u għad-drittijiet umani tiegħu.


 

Risposta mingħand il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.


Sur Eman Farrugia,

Youth for Palestine,

 

Il-Prim Ministru talab lill-Ministeru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ sabiex nirrispondu għall-messaġġ tiegħek f’isem il-Youth for Palestine.

 

Il-gravità tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani hija bla dubju severa. Qegħdin aktar minn 3 xhur mill-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023 u n-numru ta’ konsegwenzi negattivi li rriżultaw mill-avvenimenti orribbli ta’ dak il-jum.

 

Filwaqt li nkomplu nikkundannaw il-vjolenza indiskriminata mill-Ħamas u nirrakkomandaw il-ħelsien tal-ostaġġi kollha, Malta tibqa’ mħassba ħafna dwar l-avvenimenti kurrenti f'Gaża. L-azzjonijiet tal-Iżrael li qed jirriżultaw fit-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni Palestinjani minn djarhom, vjolenza kontra Palestinjani f'Gaża u x-Xatt tal-Punent, n-nuqqas ta’ aċċess sigur, prevedibbli u adegwat għall-ilma, ikel u assistenza medika, l-aċċess bla xkiel għall-għajnuna umanitarja, flimkien mal-qerda tal-massa li għaddejja bħalissa tal-infrastruttura ċivili u umanitarja – huma kollha sempliċement inaċċettabbli.

 

Malta ilha sostenitriċi tal-poplu Palestinjan, id-drittijiet inaljenabbli u l-aspirazzjonijiet tagħhom u nkomplu nisħqu fuq dan l-appoġġ partikolarment f’dan iż-żmien delikat għall-futur tal-Palestina. Nagħtu wkoll l-akbar importanza lill-isforzi biex jiġi żgurat ir-rispett għan-normi tal-liġi internazzjonali, inkluża l-projbizzjoni tal-aggressjoni u l-konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali.

 

Huwa għal din ir-raġuni li Malta kkundannat b'mod konsistenti azzjonijiet mill-partijiet kollha f'Gaża fil-kunflitt li huma inkonsistenti mal-liġi umanitarja, kemm bħala membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-rwol tagħna bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

Id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni f'Gaża wassalna wkoll biex inressqu u nimbuttaw għall-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2712 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan- Nazzjonijiet Uniti, li sejħet għal pawżi u kurituri umanitarji urġenti u estiżi f’Gaża sabiex tiġi ffaċilitata l-provvista ta’ oġġetti u servizzi essenzjali, kif ukoll iffukat fuq il-qagħda mwiegħra tat-tfal maqbuda fil-kunflitt u ta’ dawk li qed jinżammu ostaġġi.

 

Malta kienet kburija wkoll li tappoġġja r-Riżoluzzjoni 2720 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan- Nazzjonijiet Uniti, li appellat lill-partijiet kollha biex jiffaċilitaw u jippermettu it-twassil immedjat, sigur u mingħajr xkiel ta’ assistenza umanitarja fuq skala direttament lill-popolazzjoni ċivili Palestinjana madwar l-Istrixxa ta’ Gaża.

 

F’dan il-mument qed insegwu wkoll mill-qrib id-deliberazzjonijiet fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar allegazzjonijiet imressqa mill-Afrika t’Isfel kontra l-Iżrael.

 

Madankollu, l-enfasi primarja tagħna għalissa tibqa’ fuq li l-assikurazzjoni tal-provvista u l-aċċess mingħajr xkiel ta’ għajnuna umanitarja essenzjali, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha, u l-waqfien tal-ostilitajiet, filwaqt li nippromwovu orizzont politiku, u nevitaw t-tixrid tal-kunflitt fir-reġjun. Malta lesta wkoll li tieħu rwol proattiv fiż-żmein ta’ wara dan il-kunflitt.

 

Għaldaqstant, Malta tibqa’ lesta li tkompli tinvolvi ruħha mal-imsieħba kollha tagħna, inklużi dawk fir-reġjun, lejn dan il-għan ta’ paċi fil-Lvant Nofsani kif ukoll għall-poplu Palestinjan.

 

Tislijiet.


MINISTRY FOR FOREIGN AND

EUROPEAN AFFAIRS AND TRADE


TRIQ IL-KUKKANJA, ST VENERA, MALTA.


 

AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX TGĦIN LILL-POPLU TA' GAŻA.





155 views0 comments

Recent Posts

See All

Kommentarer


Post: Blog2_Post
bottom of page