top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

ITTRA MIBGĦUTA LID-DELEGAZZJONI TAL-FRONT POLISARIO FI SPANJA.

Updated: Feb 26



STQARRIJA B'SOLIDARJETA' MAL-POPLU SAĦRAWI.


Insellmilkom. Nhar is-27 ta' Frar ta' kull sena niftakru meta fis-sena 1976, il-poplu Saħrawi kien irnexxielu li jegħleb il-kolonjaliżmu Spanjol ġewwa l-art tiegħu u ddikjara l-indipendenza tiegħu mill-Istat Spanjol u pprokloma t-twaqqif tar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Dan il-jum huwa wieħed għażiż għax-xellugin kollha li jgħożżu f'qalbhom il-ħelsien tal-popli kollha minn ħakmiet imperjalisti madwar id-dinja. Id-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent ifisser it-tmiem ta' ħakmiet kolonjali Ewropej ġewwa l-kontinent Afrikan, u għaldaqstant huwa fl-interess tal-anti-imperjalisti kollha li l-poplu Saħrawi jikseb il-liberazzjoni tiegħu. Din il-ħolma għandha tkun il-ħolma tagħna lkoll. Għaldaqstant, illum, 27 ta' Frar tas-sena 2024, għamilt kuntatt mad-delegazzjoni tal-Front Polisario fi Spanja sabiex nifraħilhom f'dan il-jum għażiż għall-Front Polisario u għall-poplu Saħrawi kollu. Għamilt dan permezz ta' ittra mibgħuta lill-Front Polisario li ser nippubblika hawn taħt.


Il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent huwa fost l-iżjed kunflitti minsija li għadhom għaddejjin b'mod preżenti madwarna, tant illi dan il-kunflitt issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar 49 sena. Il-poplu Saħrawi, illi huwa taħt l-oppressjoni brutali u l-okkupazzjoni illegali tal-Marokk, għadu sal-lum il-ġurnata jiġġieled għad-drittijiet fundamentali tiegħu u għal-liberazzjoni ta' pajjiżu. Bħala poplu Malti, illi nafu xi jfisser illi tkun okkupat u miċħud mid-drittijiet tiegħek, għandna nibdew nuru iżjed empatija u solidarjeta' mal-poplu Saħrawi, illi preżentament qiegħed jiġi mjassar fis-skiet. Bħala pajjiż illi xi darba huwa wkoll kien kolonja, għandna nibqgħu nħaddnu l-valuri anti-kolonjali u anti-imperjalisti li ggwidawna fil-ġlieda tagħna għall-ħelsien, u din id-darba għandna nużawhom sabiex ngħinu lil poplu ieħor illi bħalna u bħal kull poplu ieħor ta' eks-kolonja jrid jgħix ta' poplu ħieles.


B'mod adattat, is-Saħara tal-Punent huwa referut minn ħafna bħala l-aħħar kolonja fl-Afrika, hekk kif il-poplu Saħrawi għadu qiegħed jitħabat sabiex jakkwista l-indipendenza u l-liberazzjoni tiegħu mill-ħakma Marokkina. Huwa ta' diżappunt illi nara l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Punent; l-Istati Uniti u l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, illi mhux biss huma insensittivi u indifferenti lejn it-tbatija li għaddej minnha l-poplu Saħrawi, iżda qegħdin ukoll jiffaċilitaw l-istess tbatija b'diversi mezzi. Huwa ta' diżappunt ikbar illi nara lil pajjiżna li wkoll qabad din il-linja żbaljata u inġusta permezz tal-appoġġ politiku li l-gvern Malti beda jagħti liż-żamma ta' sovranita' Marokkina fuq it-territorju, minkejja li skont il-liġi internazzjonali l-preżenza tal-Marokk fit-territorju hija waħda illegali u għaldaqstant il-gvern Marokkin m'għandux il-jedd legali li jiddikjara sovranita' fuq is-Saħara tal-Punent. Pajjiżna m'għandu qatt iservi ta' strument sabiex tiġi ffaċilitata t-twettiq ta' okkupazzjoni oppressiva fuq poplu miċħud mid-drittijiet tiegħu bi ksur sfaċċat tal-liġijiet internazzjonali.


Lura fis-sena 1979, pajjiżna kien fost wieħed mill-ftit pajjiżi mid-dinja tal-Punent illi kienu vvotaw favur l-għotja ta' 'self-determination' lill-poplu Saħrawi waqt riżoluzzjoni li kienet ġiet imressqa dwar dan is-suġġett fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolata riżoluzzjoni numru 34/37. Fi snin riċenti, pajjiżna kien anke laqa' taħdidiet informali bejn ir-rappreżentanti tal-poplu Saħrawi u l-gvern Marokkin, u baqa' b'mod konsistenti jiddikjara appoġġ għal-liberazzjoni tas-Saħara tal-Punent u tal-poplu tiegħu permezz tal-għotja ta' indipendenza u awtonomija sħiħa. Din il-pożizzjoni hija kompattibbli mal-pożizzjoni preżenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dan il-kunflitt. Meta t-tensjonijiet bejn il-poplu Saħrawi u l-okkupanti Marokkini fit-territorju kienu reġgħu bdew jgħollu rashom fis-sena 2020, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fi stqarrija kien għamel din id-dikjarazzjoni dwar l-istatus tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u dwar il-pożizzjoni ta' pajjiżna rigward dan il-kunflitt;


''Malta’s position on Western Sahara unchanged and its support to self-determination remains. Malta’s position on Western Sahara remains unchanged: a just, lasting, and mutually acceptable political solution which will provide for the self-determination of the people of Western Sahara, in line with international law. In this regard, Malta continues to support the United Nations-led process.''

Jidher iżda li din il-pożizzjoni ġusta u korretta skont il-liġi internazzjonali ġiet abbandunata u minflok sostitwita b'pożizzjoni favur it-tkomplija tal-preżenza Marokkina fis-Saħara tal-Punent, hekk kif fis-sena 2023, l-istess Ministeru għall-Affarijiet kien beda jagħti appoġġ politiku għall-proposta li ħareġ biha l-gvern Marokkin sabiex formalment jannessa t-territorju okkupat mal-bqija tal-Marokk, u b'hekk it-territorju jkun taħt sovranita' Marokkina. Min-naħa l-oħra, din il-proposta, illi hija magħrufa bħala 'Western Sahara Autonomy Proposal' (Proposta ta' Awtonomija għas-Saħara tal-Punent) tinnega lill-poplu Saħrawi milli jakkwista l-indipendenza sħiħa tiegħu, hekk kif il-Marokk qiegħed jipproponi biss illi jipprovdi lill-poplu Saħrawi b'awtonomija limitata u b'nuqqas ta' sovranita'. Din il-proposta hija inaċċettabbli għal dawk kollha li jemmnu fl-iżjed drittijiet umani fundamentali tal-bniedem; din il-proposta ma tirrikonoxxix l-ambizzjonijiet u x-xewqat veritiera li għandu l-poplu Saħrawi dwar il-ġejjieni tiegħu. Madanakollu, fi żjara li għamel fil-Marokk fis-sena 2023; żjara illi fiha kienu ġew iffinalizzati għadd ta' ftehimiet ta' kummerċ bejn pajjiżna u l-Marokk, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg tenna l-appoġġ tiegħu għall-proposta mressqa mill-gvern Marokkin rigward il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, billi waqt konferenza stampa kien iddikjara hekk dwar il-proposta;


''Malta considers the autonomy plan presented by Morocco as a serious and credible contribution to the definitive resolution of the Sahara issue.''

B'mod evidenti, din id-dikjarazzjoni mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hija totalment l-oppost ta' dak illi kien iddikjara l-istess Ministeru tliet snin qabel. Hemm bżonn illi l-gvern Malti jiċċara verament il-pożizzjoni tiegħu rigward il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, hekk kif l-istqarrija tas-sena 2020 u l-istqarija tas-sena 2023 huma kontradizzjoni ta' xulxin. Għal din ir-raġuni, f'dawn l-aħħar ġimgħat illi għaddew ikkomunikajt ukoll mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ bl-għan illi nifhem għal liema raġuni nbiddlet il-pożizzjoni tal-gvern Malti b'tali mod illi qiegħed jinnega lill-poplu Saħrawi milli jakkwista l-indipendenza u l-liberazzjoni sħiħa tiegħu mill-okkupazzjoni illegali tal-Marokk. Inwiegħed, kif wgħedt ukoll lill-Front Polisario, illi se nagħmel użu minn kwalunkwe mezz possibbli sabiex inkun il-vuċi tal-poplu Saħrawi u għall-kawża ġusta tagħhom ġewwa pajjiżna. Nemmen fl-importanza ta' solidarjeta' internazzjonali sabiex jintemm dan il-kunflitt.


Permezz tat-tnedija tal-kampanja karitattiva ''Neħilsu l-Aħħar Kolonja fl-Afrika'', qiegħed inħeġġeġ lilkom il-qarrejja ta' din il-paġna sabiex tagħtu l-appoġġ tiegħek lill-ħidma sfieqa li qiegħda twettaq l-organizzazzjoni 'World Food Programme' mal-poplu Saħrawi. Bid-donazzjoni tiegħek qiegħed tgħin lill-poplu Saħrawi sabiex jikseb il-ħelsien tiegħu mit-tjassir tal-okkupazzjoni illegali tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent; l-aħħar kolonja fl-Afrika. Nixtieq navża wkoll illi qegħed nagħti l-appoġġ tiegħi wkoll lill-organizzazzjoni 'Western Sahara Resource Watch', illi qiegħda tiddokumenta l-isfruttar illegali ta' riżorsi u l-espansjoni illegali tal-Marokk fir-territorju. Kull donazzjoni mogħtija mingħandkom hija apprezzata. Flimkien, nistgħu ngħinu lill-poplu Saħrawi sabiex jinħeles.


Nemmen illi b'rieda ġenwina favur il-paċi mill-komunita' internazzjonali, dan il-kunflitt u oħrajn bħalu jistgħu jintemmu darba għal dejjem fl-interess tal-qagħda tal-popli li jinsabu mjassra u oppressati. Għalhekk, rigward il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, qiegħed nibqa' nikkommetti lili nnifsi sabiex inressaq 'il quddiem talba formali lill-gvern Malti sabiex jadotta pożizzjoni iżjed ġusta u konformi mal-liġijiet internazzjonali u mal-pożizzjoni li ħadet in-Nazzjonijiet Uniti billi;


  • a) jirtira mill-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-gvern Marokkin;

  • b) jiddikjara mingħajr ebda kundizzjoni appoġġ għall-għotja ta' 'self-determination' għall-poplu Saħrawi;

  • ċ) jadotta l-pożizzjonijiet li ttieħdu min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Qorti Internazzjoni tal-Ġustizzja;

  • d) jistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija;

  • e) jopponi l-ftehimiet illi qiegħda tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea mal-Marokk illi jinkludu t-territorju tas-Saħara tal-Punent.


Sahara Occidental Libre!

Viva La Resistencia!


الصحراء الغربية الحرة!

عاشت المقاومة!



Eman Farrugia,

Amministratur.


Stqarrija maħruġa fl-okkażjoni tal-48 sena mit-twaqqif tar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija; 27 ta' Frar 1976.


 

Ittra mibgħuta lid-delegazzjoni tal-Front Polisario fi Spanja.


To the Polisario Front;

(Popular Front for the Liberation of Saguia el-Hamra and Río de Oro),


On behalf of the Maltese activists for the just cause of the Sahrawi nation, I send you my best wishes on the occasion of the declaration of independence of the Sahrawi Arab Democratic Republic on this day; February 27th. I promise that I will continue to use my political position to promote Maltese solidarity towards your people and your cause. I will endeavor to ensure that Malta uses its position as a member of the United Nations, the European Union and the Organization for Cooperation and Security in Europe to act as a voice for the Sahrawi nation's right to self-determination. As someone who believes in this right, I will use all means to continue fighting for a free Western Sahara.


***


Al Frente Polisario;

(Frente Popular de Liberción de Saguia el-Hamra y Río de Oro),


En nombre de los activistas malteses por la causa justa de la nación saharaui, les envío mis mejores deseos con motivo de la declaración de independencia de la República Árabe Saharaui Democrática en este día; 27 de febrero. Prometo que seguiré utilizando mi posición política para promover la solidaridad maltesa hacia vuestro pueblo y vuestro causa. Me esforzaré por garantizar que Malta utilice su posición como miembro de las Naciones Unidas, la Unión Europea y la Organización para la Cooperación y la Seguridad en Europa para actuar como voz del derecho de la nación saharaui a la autodeterminación. Como alguien que cree en este derecho, utilizaré todos los medios para seguir luchando por un Sáhara Occidental libre.


 

AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX

TEĦLES L-AĦĦAR KOLONJA FL-AFRIKA.






171 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page