top of page
Search
Writer's pictureEman Farrugia

KOMUNITA' MALTIJA B'SOLIDARJETA' GĦALL-POPLU SAĦRAWI.


STQARRIJA DWAR IT-TWAQQIF TAL-KOMUNITA'

'MALTESE FOR SAHRAWIS'.


Insellmilkom. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, din il-pjattaforma bdiet tintuża sabiex titqajjem iżjed kuxjenza dwar il-kawża tal-poplu Saħrawi fid-dawl tal-oppressjoni li huwa qiegħed jesperjenza taħt l-okkupazzjoni illegali Marokkina fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fl-istess waqt illi bdejt nagħti iżjed tagħrif dwar dan il-kunflitt, ġejt f'kuntatt ma' għadd ta' għaqdiet u organizzazzjonijiet Saħrawi li javvokaw għal-liberazzjoni tas-Saħara tal-Punent; fosthom id-delegazzjoni tal-Front Polisario ġewwa Spanja u kif ukoll mal-Unjoni taż-Żgħażagħ Saħrawi (U.J.S.A.R.I.O.), il-fergħa politika uffiċjali taż-żgħażagħ tal-Front Polisario. Il-Front Polisario, illi huma magħrufa uffiċjalment bħala l-Front għal-Liberazzjoni ta' Saguia el-Hamra u Río de Oro, huma r-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Saħrawi u l-gvern tar-Repubblika Demokratika Saħrawi-Għarbija. Matul id-diskussjonijiet illi kelli magħhom, wiegħdthom lealta' assoluta u appoġġ mingħajr ebda kundizzjoni lejn ir-reżistenza tagħhom għall-okkupazzjoni Marokkina u lejn il-kawża ġusta tal-poplu Saħrawi; il-liberazzjoni tal-art tiegħu.


Il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent huwa fost l-iżjed kunflitti minsija li għadhom għaddejjin b'mod preżenti madwarna, tant illi dan il-kunflitt issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar 49 sena. Il-poplu Saħrawi, illi huwa taħt l-oppressjoni brutali u l-okkupazzjoni illegali tal-Marokk, għadu sal-lum il-ġurnata jiġġieled għad-drittijiet fundamentali tiegħu u għal-liberazzjoni ta' pajjiżu. Bħala poplu Malti, illi nafu xi jfisser illi tkun okkupat u miċħud mid-drittijiet tiegħek, għandna nibdew nuru iżjed empatija u solidarjeta' mal-poplu Saħrawi, illi preżentament qiegħed jiġi mjassar fis-skiet. Bħala pajjiż illi xi darba huwa wkoll kien kolonja, għandna nibqgħu nħaddnu l-valuri anti-kolonjali u anti-imperjalisti li ggwidawna fil-ġlieda tagħna għall-ħelsien, u din id-darba għandna nużawhom sabiex ngħinu lil poplu ieħor illi bħalna u bħal kull poplu ieħor ta' eks-kolonja jrid jgħix ta' poplu ħieles.


B'mod adattat, is-Saħara tal-Punent huwa referut minn ħafna bħala l-aħħar kolonja fl-Afrika, hekk kif il-poplu Saħrawi għadu qiegħed jitħabat sabiex jakkwista l-indipendenza u l-liberazzjoni tiegħu mill-ħakma Marokkina. Huwa ta' diżappunt illi nara l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Punent; l-Istati Uniti u l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, illi mhux biss huma insensittivi u indifferenti lejn it-tbatija li għaddej minnha l-poplu Saħrawi, iżda qegħdin ukoll jiffaċilitaw l-istess tbatija b'diversi mezzi. Huwa ta' diżappunt ikbar illi nara lil pajjiżna li wkoll qabad din il-linja żbaljata u inġusta permezz tal-appoġġ politiku li l-gvern Malti beda jagħti liż-żamma ta' sovranita' Marokkina fuq it-territorju, minkejja li skont il-liġi internazzjonali l-preżenza tal-Marokk fit-territorju hija waħda illegali u għaldaqstant il-gvern Marokkin m'għandux il-jedd legali li jiddikjara sovranita' fuq is-Saħara tal-Punent. Pajjiżna m'għandu qatt iservi ta' strument sabiex tiġi ffaċilitata t-twettiq ta' okkupazzjoni oppressiva fuq poplu miċħud mid-drittijiet tiegħu bi ksur sfaċċat tal-liġijiet internazzjonali.


Permezz tat-tnedija tal-kampanja karitattiva ''Neħilsu l-Aħħar Kolonja fl-Afrika'', qiegħed inħeġġeġ lilkom il-qarrejja ta' din il-paġna sabiex tagħtu l-appoġġ tiegħek lill-ħidma sfieqa li qiegħda twettaq l-organizzazzjoni 'World Food Programme' mal-poplu Saħrawi. Bid-donazzjoni tiegħek qiegħed tgħin lill-poplu Saħrawi sabiex jikseb il-ħelsien tiegħu mit-tjassir tal-okkupazzjoni illegali tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent; l-aħħar kolonja fl-Afrika. Nixtieq navża wkoll illi qegħed nagħti l-appoġġ tiegħi wkoll lill-organizzazzjoni 'Western Sahara Resource Watch', illi qiegħda tiddokumenta l-isfruttar illegali ta' riżorsi u l-espansjoni illegali tal-Marokk fir-territorju. Kull donazzjoni mogħtija mingħandkom hija apprezzata; inħeġġeġikom sabiex tkunu ta' għajnuna għall-poplu Saħrawi.


Bl-għan illi nibqa' nippromwovi iżjed solidarjeta' lejn il-poplu Saħrawi mingħand il-poplu Malti, b'sodisfazzjon qiegħed inħabbar it-twaqqif ta' komunita' Maltija ġdida bl-għan illi tibda taħdem attivament għal iżjed għarfien dwar dan il-kunflitt u dwar il-kawża ġusta tal-poplu Saħrawi. Din il-komunita' ta' solidarjeta', bl-isem ta' 'Maltese for Sahrawi', qiegħda titwaqqaf b'dawn l-għanijiet;


'' 'Maltese for Sahrawis' is a solidarity movement based in Malta with the aim of providing political, social and economical support to the Sahrawi people and their just cause for the liberation of the illegaly occupied territory of Western Sahara . The solidarity movement also aims to promote more sympathy amongst the Maltese people towards the Sahrawi people and to raise more awareness about their struggle for the liberation of their homeland! We encourage other local NGOs and pressure groups to collaborate with us so that together we can aspire for a more just world by striving for a Free Western Sahara; because we are not free until we are all free! ''

Din il-komunita' se tkun qiegħed tassigura wkoll illi l-kawża tal-poplu Saħrawi tibda tingħata iżjed attenzjoni mingħand il-politiċi Maltin, u se tkun qiegħda topponi mingħajr ebda kundizzjoni lil dawk il-politiċi li jaħdmu kontra l-kawża tal-poplu Saħrawi, irrespettivament mill-kulur politiku tagħhom. Il-prijorita' ta' din il-komunita' se tkun illi topponi bi sħiħ l-appoġġ preżenti li l-gvern Malti qiegħed jipprovdi lill-preżenza illegali tal-Marokk fis-Saħara tal-Punent u kwalunkwe manuvri oħrajn illi jkunu qegħdin jiffaċilitaw il-kontinwita' tal-okkupazzjoni illegali fl-artijiet tal-poplu Saħrawi. Din il-komunita hija miftuħa għal kulħadd; inkluż għal organizzazzjonijiet mhux governattivi, 'pressure groups' u anke għalikom. Din hija l-ewwel komunita' lokali tax-xorta tagħha li qiegħda tagħti vuċi lill-poplu Saħrawi permezz tal-qawmien ta' iżjed solidarjeta', għarfien u kuxjenza dwar l-oppressjoni u l-kolonizzazzjoni li qiegħda tgħakkes lil dan il-poplu. Ingħaqqad illum ma' din il-komunita' billi tissieħeb fi ħdan il-grupp 'Maltese for Sahrawi' fuq 'Facebook' jew billi tibgħat ittra elettronika fuq l-indirizz emanfarrugia237@gmail.com sabiex tara kif inti tista' tagħti l-kontribut tiegħek. Kwalnukwe għajnuna u appoġġ mingħandkom huwa apprezzat, għaliex m'aħniex ħielsa qabel aħna lkoll ħielsa!


Sahara Occidental Libre!

Viva La Resistencia!


الصحراء الغربية الحرة!

عاشت المقاومة!



Eman Farrugia,

Amministratur.


Stqarrija maħruġa llum, 25 ta' Marzu 2024.


 

AGĦTI D-DONAZZJONI TIEGĦEK SABIEX

TEĦLES L-AĦĦAR KOLONJA FL-AFRIKA.



 

INGĦAQAD MAL-KOMUNITA' 'MALTESE FOR SAHRAWIS'.



179 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page